Jiġu inawgurati Multi-Sensory Room u Calming Room fl-Iskola Sekondarja Guardian Angel
Żewġ spazji speċjalizzati ġodda għall-benefiċċju ta’ tfal u żgħażagħ b’awtiżmu ġew inawgurati fl-Iskola Sekondarja Guardian Angel, fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun. Il-Multi-Sensory Room u l-Calming Room se jkomplu jsaħħu l-appoġġ u l-inklużjoni, permezz ta’ ambjent li jwieġeb għall-ħtiġijiet differenti tat-tfal u ż-żgħażagħ li se jagħmlu użu minnhom.
Il-proġett, immexxi minn Ħamrun Ħanin, l-id soċjali ta’ Ħamrun Spartans FC, sar b’kollaborazzjoni mal-Iskola Sekondarja Guardian Angel u l-Autism Parents Association. Il-kmamar ġew inawgurati minn Ħamrun Ħanin fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Il-proġett huwa l-frott ta’ tliet snin ta’ ħidma li matulhom ingħaqdu flimkien elementi differenti tal-komunità tal-futbol Ħamruniża, fosthom plejers, staff tekniku, membri tal-kumitat u partitarji, flimkien mal-iskola u l-Autism Parents Association. L-inizjattiva hija eżempju ta’ kif l-isport u l-volontarjat jistgħu jissarrfu f’ġid konkret għall-komunità.
Il-Ministru Camilleri qal li dan il-proġett jirrifletti l-importanza li l-inklużjoni tissarraf f’appoġġ konkret u f’ambjent edukattiv li jagħraf u jwieġeb għall-ħtiġijiet differenti tal-istudenti.
“Kull klabb jirrappreżenta komunità, u klabb ikun qed jonqos jekk ma jirrappreżentax lill-komunità tiegħu. Dak li sar id f’id ma’ Ħamrun Ħanin imur lil hinn mill-flus li ntefqu f’dan il-proġett. Huwa messaġġ b’saħħtu li l-isport qiegħed hemm għall-ġid tal-komunità. Bħala Gvern, min-naħa tagħna, aħna impenjati li nibqgħu ninvestu fl-iskejjel tagħna sabiex joffru l-aqwa ambjent possibbli lill-istudenti tagħna,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia qalet li, “Ħamrun Ħanin huwa eżempju ċar ta’ dak li nistgħu niksbu meta komunità tingħaqad għal għan komuni. Din l-inizjattiva tmur lil hinn mis-sempliċi għarfien dwar l-inklużjoni u ssarrfu f’azzjoni konkreta, billi toħloq spazji fejn it-tfal iħossuhom milqugħa, appoġġjati u tassew parti mill-komunità. Proġetti bħal dawn juru wkoll il-ħidma imprezzabbli tas-settur volontarju, li jagħraf il-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħna u jsarraf ideat tajbin f’riżultati konkreti. Bħala Gvern, se nkomplu nkunu ta’ spalla għal inizjattivi li jqiegħdu l-inklużjoni fiċ-ċentru u li jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.”
Iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin, Ian Debattista, tkellem dwar il-ħidma li wasslet biex il-proġett seta’ jsir realtà, minn inizjattiva li bdiet minn grupp ta’ voluntiera għal proġett li ġab flimkien il-komunità sportiva u diversi entitajiet madwar għan soċjali komuni. Huwa qal li dan il-proġett jirrifletti l-ħidma ta’ Ħamrun Ħanin biex permezz tal-isport jingħata kontribut konkret lill-komunità.
Il-Kap tal-Iskola, Elizabeth Pisani, tkellmet dwar l-importanza li l-iskola tkun komunità li tilqa’ u tagħti spazju lil kull student, filwaqt li saħqet fuq il-valur tal-kollaborazzjoni li wasslet għat-twettiq tal-proġett. L-appoġġ tal-Iskola Sekondarja Guardian Angel kien kruċjali biex jinstab l-ispazju fejn setgħu jitwettqu ż-żewġ kmamar.
Fi tmiem l-attività saru wkoll preżentazzjonijiet lil persuni li taw kontribut speċjali biex il-proġett seta’ jsir realtà, filwaqt li l-Multi-Sensory Room u l-Calming Room tbierku minn Fr Hilary Tagliaferro.